Wara diversi rapporti fil-midja, l-Awtorita` dwar il-Lotteriji u l-Logħob (l-Awtorita`) tħoss li jeħtieġ tikkjarifika illi dawk l-iswali tal-logħob li huma approvati u liċenzjati mill-Awtorita` biss, huma awtorizzati biex joperaw apparat tal-logħob skond ilkundizzjonijiet stretti li tistabbilixxi l-liġi.
Sal-lum, inħarġu 27 awtorizzazjoni sabiex jinfetħu swali tal-logħob. Dawn l-operaturi liċenzjati huma awtorizzati joperaw l-iswali tagħhom bejn il-11am u il-11pm. Illiċenzji inħarġu ai terminiil-Regolamenti dwar Apparat Għal-Logħob (Kapitlu 438.07 tal-Liġijiet ta` Malta).
Sabiex operatur jingħata liċenzja, għandu l-ewwel jgħaddi minn process ta` liċenzjar iebes ta` L-Awtorita`, u għandu jkun ukoll fil-pussess ta` permess għall-iżvilupp maħruġ mill-MEPA. L-Awtorita` tixtieq ittenni kif kemm-il darba qalet fil-passat, illi l-fatt illi operatur għandu permess għall-iżvilupp tal-MEPA ma jfissirx illi dak loperatur għandu d-dritt awtomatiku ta` liċenzja għal apparat tal-logħob. Fil-fatt, tajjeb li jingħad illi diversi applikazzjonijiet ġew irriffjutati fuq bażi ta` nuqqas ta` konformita` mar-Regolamenti jew id-Direttiva ta` l-Awtorita` dwar L-Inħawi ta` l- Iswali tal-Logħob. Sabiex swali tal-logħob jkollhom liċenzja (li hija valida għal tnaxil xahar), dawn għandhom ikunu mill-anqas 75 metri ‘l bogħod minn ċerti stabbilimenti li huma msemmija fid-Direttiva, bħal skejjel, postijiet ta` qima (eż.: knejjes u moskej) u postijiet ta` rekreazzjoni għat-tfal bħall-bandli. Barra minn hekk, matul il-perjodu tal-liċenzja, l-operaturi liċenzjati għandhom jaderixxu ma` diversi obligazzjonijiet, bħal per eżempju ma` premji li jammontaw għal mhux inqas minn 85% tal-flus li ġew imdaħħlin fil-makna għal-logħob, imħatri massimi u premji massimi baxxi, u għandhom ukoll fuq talba tall- klijenti tagħhom, jipprovduhom b’rapporti dettaljati fuq il- ħlas perċentwali ta` kull makna, fuq il-flus li jkunu nefqu u l-ħin li jkunu qattgħu jilgħabu, kif ukoll fuq il-probabilta` li wieħed jirbaħ il-logħba rilevanti.
L-Awtorita` tixtieq tinforma l-pubbliku li s-swali tal-logħob li huma liċenzjati għandhom ukoll jaderixxu ma` diversi obligazzjonijiet dwar il-protezzjoni talġugaturi, u għandhom jagħtu każ ukoll ta` konsiderazzjonijiet soċjali skond il-liġi, bħar-rekwiżit li l-ġugaturi jkollhom il-faċilita` biex jeskludu lilhom infushom għal perjodi definiti ta` sitt jew tnax-il xahar minn kull sala tal-logħob, kif ukoll millkażinojiet u s-swali tat-tombla u viċe versa. Dawn ir-regolamenti stretti jagħmlu distinzjoni qawwija bejn dawk il-ħwienet li huma liċenzjati fl-interess pubbliku u dawk il-ħwienet li joperaw illegalment mingħajr ebda restrizzjonijiet jew superviżjoni.
Wieħed jista` jiddetermina faċilment jekk sala tal-logħob hijiex liċenzjata mill- Awtorita` peress li l-operatur għandu juri iċ-ċertifikat tal-liċenzja fl-entratura tas-sala. Barra minn hekk, il-ġugaturi għandhom jirreġistraw formalment qabel ma jkunu jistgħu jidħlu u jilgħabu, u kull apparat tal-logħob għandu jkollu mwaħħal miegħu marka tar-reġistrazzjoni u allura huwa jdentifikabbli b’mod ċar mill-apparat illegali.
L-Awtorita` tixtieq temfasizza illi il-ġugaturi għandhom jassiguraw ruħhom illi mhumiex qegħdin jilgħabu fuq apparat illegali jew kompjuters modifikati f’apparat tal-logħob f’barijiet jew f’stabbilimenti oħrajn, peress li jistgħu jiġu mħarrka. Jekk jinstabu ħatja, jistgħu jiġu mmultati sa €235,000 u tista` wkoll tinqata` kontrihom sentenza ta` priġunerija ta` mhux aktar minn 5 snin. Il-multi japplikaw ukoll għalldawk il-persuni li jqiegħedu fis-suq, jagħmlu disponibbli għall-użu, jilqgħu għandhom jew joperaw xi apparat rilevanti għal-logħob. L-Awtorita` tixtieq tappella lill-pubbliku, organizzazzjonijiet u kunsilli lokali sabiex jassistuha fl-enforzar kontra l-logħob illegali billi jirraportaw kwalunkwe attivita` illegali.
Ghall-assistenza jew iktar informazzjoni, tistgħu żżuru is-sit elettroniku ta` l-Awtorita` http://www.lga.org.mt jew tikkuntatjaw lill-Awtorita` fuq [email protected].